FĊN
Kommemorazzjoni tas-70 sena mill-anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-N.U. tad-Drittijiet tal-Bniedem

Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali (FCN) ġiet inkarigata bil-kommemorazzjoni ta’ sensiela ta’ anniversarji li għandhom importanza Nazzjonali. Biex jiġi kkommemorat is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem, FCN ippubblikat ktieb bl-isem ta’ “The UN Declaration of Human Rights – 70 Years On”. Dan il-ktieb jikkonsisti minn ġabra ta’ artikli bil-Professur Raymond Mangion bħala editur, li jħarsu lejn il-progress magħmul mill-umanità fil-qasam tad-drittijiet umani fl-aħħar 7 deċenji. Fid-daħla tiegħu, il-Professur Oliver Friggieri iddeskriva dawn l-artikli bħala “kontribut sinifikanti għal dan is-suġġett”.
Kopja ta’ dan il-ktieb ġiet ippreżentata lill-Eċċellenza Tagħha l-President tar-Repubblika ta’ Malta, u lill-Prim Ministru ta’ Malta biex jiġi mmarkat dan l-anniversarju speċjali.
L-għan ewlieni ta’ din il-pubblikazzjoni mhux biss li niftakru f’avveniment storiku, imma wkoll biex infakkru x’inhi t-tifsira ta’ din id-Dikjarazzjoni, u biex ninkoraggixxu r-riflessjoni dwar kif din id-Dikjarazzjoni teffetwa l-ħajja ta’ kuljum ta’ kull bniedem.
Biex din il-pubblikazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd, FCN se tkun qiegħda tqassam kopji tal-ktieb lil-libreriji kollha ta’ Malta u Għawdex, il-Kunsilli Lokali kollha, l-Università ta’ Malta, l-MCAST u l-iskejjel sekondarji kollha. Fil-kummenti tiegħu f’isem l-FCN, Albert Marshall qal li “din il-pubblikazzjoni sservi bħala pjattaforma għall-FCN biex tippromwovi dawk l-elementi tas-soċjetà tagħna li jarrikkixxu l-kultura l-inklussivita`.”
FCN tistieden lill-pubbliku biex jissellef kopja u jaqraha, halli japprezza u jifhem x’effett għad għandha din id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem wara 70 sena.